In memoriam P. Manwel Schembri, OCD
P. Manwel Schembri, OCD twieled B’Kara nhar it-22 ta’ Jannar 1961 u għal xi snin trabba l-Awstralja meta l-familja tiegħu emigrat. Huwa ssieħeb fl-Ordni Karmelitan Skalz fl-1977. Kompla l-istudji tiegħu fl-INSERM. Ġie ordnat presbiteru fl-1986. Speċjalizza fit-Teoloġija Spiritwali mit-Teresianum f’Ruma. Bħala reliġjuż huwa ħadem fil-formazzjoni tal-Postulanti, n-Novizzi u l-Professi, qeda wkoll il-ministeru tiegħu fil-Kanada fejn ħadem ħafna mas-Sekulari Tereżjani, qed l-uffiċċju ta’ pirjol, u kien ukoll kappillan . Lura Malta huwa ħadem bis-sħiħ għall-konsagrazzjoni tas-Santwarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Kien ukoll superjur fi-Dar tal-Irtiri tas-Silġ. Ġie elett provinċjal tal-Provinċja Tereżjana f’Malta għal tminn snin u kien ukoll Ko-President tal-Carmelite Institute Malta li fih ukoll kien jgħallem Spiritwalità Karmelitana b’mod speċjali d-Duttrina ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li tant kien iħobb. Bħala Ko-President kif ukoll lettur kien jieħu nteress fl-istudji u r-riċerka tal-istudenti fl-Ispiritwalità Karmelitana. Minkejja kundizzjonijiet ta’ saħħa dgħajfa baqa’ jagħti sehmu fil-ministeru u fil-qadi ta’ ħutu r-reliġjużi fil-Komunità u l-parroċċa ta’ Ta’ Xbiex. Baqa sal-aħħar ta’ ħajtu jikteb dwar l-Ispiritwalità u l-istorja tal-Karmelu Tereżjan.
Filwaqt li nuru l-apprezzament tagħna għall-preżenza hienja u l-ħidma tiegħu fostna, nitolbu lill-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u nitolbu wkoll għall-familjari tiegħu u l-familja reliġjuża li tagħha kien membru.
Il-funeral tiegħu jiġi ċċelebrat il-Ġimgħa 12 ta’ Ottubru fid-9.30am fis-Santwarju ta’ Santa Tereża B’Kara.
Mill-Ħamis 11 ta’ Ottubru wara nofsinhar il-ġisem tiegħu ikun espost fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ta’ Xbiex sabiex jingħata l-aħħar tislima.
Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.